Share the love

kontraċettivi

Edukazzjoni dwar il-kontraċettivi u l-aċċessibilita’ huma l-pilastri tas-saħħa sesswali…

Il-kontraċettivi, jew in-nuqqas tagħhom, huma l-bidu ta’ kwistjonijiet u kontroversji. Kunċett sempliċi, iżda effettiv, jiġi traskurat minn sistemi u istituzzjonijiet minħabba mistħija u tjieba personali, li jasal biex iwaqqaf (u fil-każ ta’ Malta, jiddikriminalizza) l-unika soluzzjoni għal waħda mill-ikbar kwistjonijiet li jirriżultaw minn-nuqqas t’ edukazzjoni dwar il-kontraċezzjoni.

Meta nsemmi sistemi u istituzzjonijiet inkun qed nirreferi għal dawk relatati m’ edukazzjoni u sapport finanzjarju – mhux biss hemm problema rigward l-edukazzjoni iżda hemm ukoll nuqqas fejn tidħol l-aċċessibilita’. Skond l-introduzzjoni tal-gwidi tal-kurrikulum fuq is-Sesswalita’ u l-Edukazzjoni u r-Relazzjonijiet fl-iskejjel ta’ Malta (li ġie ppublikat fl-2013), hemm żewġ oġġettivi msemmija li jistgħu jgħinuk iżżomm saħħa sesswali tajba: l-astinenza u l-kontraċezzjoni. Ovjament, m’għandix għalfejn insemmi għala din l-idea faċilment toħloq ħafna problemi. M’huwiex ix-xogħol tal-edukaturi li jbeżżgħu lill-addoloxxenti milli jkollhom x’jaqsmu ma ħaddieħor: l-astinenza m’għandhiex tiġi mgħallma bħala l-ewwel u l-aqwa mod ta’ kontraċezzjoni, sempliċiment għax mhijiex. Meta twassal dan it-tagħlim tkun qed titlef ħin prezzjuż milli tgħallem valuri bħal kunsens, rispett u komunikazzjoni, mingħajr ma toħloq biża’ fil-vojt fiż-żgħażagħ. Ovjament, ma fiha ħażin li tagħżel li ma jkollok x’taqsam ma ħadd, imma din il-ħaġa għandha tkun għażla frott tat-twemmin u x-xewqat tiegħek bħala individwu, u mhux minn biża’ mhux infurmata.

Meta esperjenzajt dawn il-lezzjonijiet bħala tfajla ta’ tlettax-il sena, niftakar li tgħallimt aktar fuq il-kontraċezzjoni ormonali, ‘barrier methods’, kontraċezzjoni permanenti, għarfien fuq il-fertilita’ u l-kontraċezzjoni tal-emerġenza fis-suġġett tal-bijoloġija milli fil-lezzjonijiet iddedikati għall-edukazzjoni dwar il-kontraċettivi. Il-ftit lezzjonijiet tas-saħħa sesswali li kellna kienu jibdew b’introduzzjoni bażika fuq kif għandna nużaw il-kondoms waqt is-sess biex nevitaw l-STDs u l-STIs (ovjament din hija parti integrali tal-edukazzjoni sesswali, imma m’għandiex tieħu lezzjoni sħiħa). Fit-tieni parti tal-lezzjoni, l-għalliema kienu juruna ritratti ta’ każi gravi ta’ dan il-mard – bla dubju, din kienet tattika użata sabiex ibeżżgħuna. Minkejja l-fatt li ma kellniex lezzjonijiet biżżejjed jiffukaw fuq il-kontraċezzjoni u s-saħħa sesswali, il-ftit li kellna kienu mimlijin b’ritratti grafiċi minflok b’informazzjoni struttiva.

Fl-istess ħin m’hemmx biżżejjed inkuraġġiment mifrux u aċċessibilita’ għall-kontraċezzjoni. Ħafna mill-metodi kontraċettivi għandhom jiġu issussidjati bħal m’huma sussidjati għall-ħafna persuni li jgħixu l-Ingilterra (skond l-NHSinform.scot), New Zealand (skont Familyplanning.org.nz), u Spain (skont Zavamed.com). Is-sussidju għandu benefiċċji ovji, u waħda minnhom hija li tippromwovi l-kunsiderazzjoni ta’ sess sikur bħala neċessita’, mhux bħala lussu, biex b’hekk jiġi normalizzat is-sess għall-gost u mhux biex jinġiebu t-tfal fid-dinja. Madankollu, li jkollok x’taqsam sesswalment mingħajr il-biża’ li tinqabad tqila m’għandux ikun disponibbli biss għal dawk li jistgħu jonfqu tlettax-il ewro fix-xahar (hawnhekk qed nirreferi għal ċerti pilloli kontraċettivi). Hija ovja li nies b’aktar problemi finanzjarji m’għandhomx ikunu aktar f’riskju li jinqabdu tqal meta ma jkunux iridu. Safrattant parti mill-każijiet ta’ nisa li jagħmlu abort huma relatati ma nisa li ma jkunux jifilħu għat-tfal finanzjarjament u t-tqala nnifisha.

Dan kollu japplika wkoll għall-pillola kontraċettiva li tintuża f’emerġenza, pillola li ħafna nisa u rġiel iġġieldu għaliha. Il-fatt li spiżjara f’Malta ma jridux (jistgħu jew ma jistgħux b’mod legali) jbiegħu din il-mediċina minħabba ‘twemmin personali’ hija ħaġa redikola, insensittiva u degradanti għalija. Jekk mara tista’ takkwista mediċina b’mod legali, it-twemmin tiegħek mhuwiex relevanti. Jekk ix-xogħol tiegħek huwa li tipprovdi l-mediċina, mela provdiha. Ħadd m’għandu jidħol bejn il-mara u d-drittijiet tagħha, anke jekk jissuġġerixxu postijiet oħra minn fejn jistgħu jakkwistaw din il-pillola.

Fl-opinjoni tiegħi, l-importanza t’edukazzjoni tajba, il-kisba u s-sapport tal-kontraċezzjoni hija oġġettiva. Kemm jekk int favur l-għażla u kemm jekk inti kontra l-għażla, tqala mhux mistennija hija problema li tiġi maħluqa jekk ma jkunx hemm użu kif suppost ta’ kontraċezzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar irid ikun hemm bidla kulturali sabiex titneħħa dik il-biża’ u sensazzjoni disgustanti dwar is-sess li jsir għall-pjaċir u dwar il-kontraċezzjoni. Għalhekk l-edukazzjoni u s-sapport tal-gvern huma kruċjali, għax jiftħu l-imħuħ ta’ ħafna nies.


Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love