Reġa wasal ix-xahar t’Ottubru – xahar li fih ta’ kull sena madwar id-dinja noħolqu aktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider u l-impatt li dan iħalli fuq in-nisa; xahar li nirreferu għalih bħala Pink October.
Il-kanċer tas-sider huwa l-aktar kanċer komuni fin-nisa Maltin, kemm mil-lat ta’ rata t’inċidenza, kif ukoll ta’ mortalita’. Għalkemm il-kawża primarja għadha sal-lum mhux magħrufa, hemm fatturi ta’ riskju li jżidu ċ-ċans li persuna tiżviluppa dan it-tip ta’ kanċer. Dawn jinkludu: passat ta’ kanċer tas-sider fil-familja, eta’ akbar, passat ta’ boċċi mhux kanċerużi, dijanjosi ta’ kanċer tas-sider fil-passat, kif ukoll piż żejjed jew obeżita’, u teħid eċċessiv ta’ alkoħol.
Jekk għandek riskju akbar ta’ inċidenza tal-kanċer tas-sider, huwa ideali għalik li tevita l-alkoħol, tieħu ħsieb saħħtek billi tagħmel l-eżerċizzju u tikkonsma inqas xaħam saturat bħal ma ssib fi prodotti tal-ħalib, xaħam, ġilda tat-tiġieġ, butir, eċċetra, u fl-istess waqt tkun qed tikkontrolla l-piż tiegħek (NHS, 2019).
Jekk jinstab kmieni, kanċer tas-sider jista’ jiġi trattat b’suċċess qabel ma jinxered f’partijiet oħra tal-ġisem. Għaldaqstant huwa mportanti ħafna li tikkonsulta mat-tabib tiegħek jekk ikollok xi dubji relatati ma possibilta’ ta’ żvilupp ta’ kanċer tas-sider.
F’Malta għandna programm iffinanzjat mill-Gvern li jipprovdi screening għall-kanċer tas-sider. Dan il-programm ġie ntrodott f’Ottubru tal-2009, fejn nisa ta’ bejn il-50 u s-67 sena jiġu invitati għal mammogram b’xejn kull sentejn. Dan il-mammogram jiġi evalwat minn żewġ radjoloġisti differenti, u fejn ikun hemm xi dubju, il-pazjenta tintalab tmur għal ultrasound u possibilment biopsy. (Għal aktar informazzjoni dwar dan l-iscreening għal kanċer tas-sider tista’ tikkuntattja lill-NSP permezz ta’ imejl fuq [email protected], telefonata fuq 21227470/1, jew mill-paġna tagħhom fuq Facebook Malta National Health Screening Programmes).
Ejjew ningħaqdu flimkien u nagħmlu kuraġġ lin-nisa li għandhom bżonn. Huwa mportanti ħafna li nuru kompassjoni lejn dawk li qegħdin jaffaċċjaw il-kanċer jew qed jingħataw trattament kontra l-kanċer. Trattamenti bħal dawn spiss iħallu impatt fiżiku fuq il-persuna, apparti mpatt fuq il-kwalita’ ta’ ħajja. Biża’ u anzjeta’ huma komuni ħafna kemm fl-individwi li jkunu jikkombattu l-kanċer, kif ukoll fil-familjari u l-ħbieb tagħhom. Mod sempliċi li bih nistgħu nuru sapport lejn dawn in-nisa huwa li nilbsu ħwejjeġ ta’ kulur roża fix-xahar t’Ottubru.
L-Inizjattiva ta’ Hospice Malta għal Għarfien Dwar il-Kanċer tas-Sider
Din is-sena l-Hospice Malta, li taħdem qatigħ biex tipprovdi u tippromovi kura paljattiva lill-pazjenti li jkollhom kanċer tas-sider fost l-oħrajn, qed tinkoraġġixxi lill-negozji lokali kif ukoll lill-komunita’ sabiex joffru donazzjoni ta’ €1 għall-pazjenti tal-kanċer tas-sider billi jipparteċipaw fil-Hospice Malta Pink October Initiative. Dawn id-donazzjonijiet jissapportjaw lill-Hospice Malta sabiex tkompli tgħin lilll-pazjenti u l-familji tagħhom permezz tas-servizzi li toffri, li jinkludu kura fid-djar, daily therapy unit, idroterapija, appoġġ waqt perjodu ta’ luttu, kura assistita, kiri ta’ makkinarju speċjalizzat, servizz on-call, u trasport għall-pazjenti. Id-donazzjonijiet ħa jgħinnu wkoll fil-bini ta’ St Michael Hospice – li huwa kumpless ġdid ta’ Hospice li mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu lejn l-aħħar tal-2022. Għal aktar informazzjoni dwar kif tista’ tgħin lil Hospice sabiex tassisti lil min għandu l-aktar bżonn dawn is-servizzi, żur is-sit www.hospicemalta.org jew ċempel fuq (+356) 21440085.
Ejjew flimkien nissapportjaw lin-nisa li ngħataw dijanjosi, kemm jekk riċentament u kemm jekk snin ilu; nisa li bħalissa qed jieħdu ħsieb lil oħrajn, u nisa li jinsabu f’luttu; nisa li bħalissa qed jistennew ir-riżultat ta’ testijiet li għamlu waqt li qed jitolbu li s-sintomi li qed jesperjenzaw mhumiex verament relatati ma kanċer tas-sider.
Referenzi
Department of Health Information and Research (2019). Female Breast Cancer. Malta National Cancer Registry. Accessed on 6th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Breast_2017.pdf
Hospice Malta (2021). Hospice Malta encourages businesses and the community to donate €1 for Pink October. Accessed on 2nd October 2021 at https://hospicemalta.org/news/hospice-malta-encourages-businesses-and-the-community-to-donate-e1-for-pink-october/
NHS (2019). Breast cancer in women. Accessed on 6th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/breast-cancer/
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn