Share the love

ħadt vaċċin kontra l-COVID19

“Ħadt il-vaċċin kontra l-COVID19 Pfizer-BioNTech biex nipproteġi lili nnifsi u l-komunita’ li nservi”, qalet l-infermiera speċjalista tas-saħħa pubblika Tracy…

Sa fl-aħħar il-vaċċin kontra l-COVID19 wasal ukoll f’Malta. Dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa huma l-ewwel li bdew jingħataw dan il-vaċċin. Ħafna nies għadhom itellgħu u jniżżlu jekk jaċċettawx li jieħdu l-vaċċin. Għalhekk tkellimna ma Tracy, infermiera speċjalista fis-saħħa pubblika. Tracy għandha 59 sena, hija parzjalment Maltija u taħdem m’ ommijiet u familji bi tfal mit-twelid sa ħames snin. Tracy taħdem fil-komunita’ bħala ‘health visitor’ iżżur l-ommijiet u l-familji tagħhom fi djarhom. Hija temmen li hija responsabbilta’ tagħha u parti mill-irwol tagħha, li tipproteġi lilha nfisha kif ukoll lil komunita’ li sservi mill-COVID19.

Kont ħerqana biex nitkellem ma Tracy u nsir naf aktar dwar jekk esperjenzatx xi effetti wara li ngħatat il-vaċċin, u biex nitlobha tgħid kelma wkoll lil dawk li għadhom xettiċi jew inkwetati dwaru.

Parti mix-xogħol ta’ Tracy huwa li tinforma l-familji dwar l-importanza ta’ kull vaċċin rakkomandat għat-tfal. Tracy tinsab ferħana li kienet waħda minn ta’ l-ewwel li ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin Pfizer-BioNTech madwar ġimgħatejn ilu. Dan hu l-istess vaċċin li qed jingħata bħalissa lill-individwi li jaħdmu fis-settur tas-saħħa f’Malta. Tracy tispjega li hi jmissha tieħu t-tieni doża fi ftit ġimgħat u tixtieq tfakkar lil kulħadd dwar l-importanza li kull persuna tieħu d-dożi kollha neċessarji tal-vaċċin. Sadattant, Tracy tagħmel użu mill-ilbies protettiv neċessarju u rakkomandat waqt il-visti tagħha, u tfakkar ukoll dwar l-importanza li nibqgħu inżommu d-distanza, naħslu jdejna ta’ spiss u nilbsu l-maskri.

Staqsejt lil Tracy dwar kif ħassitha wara li ngħatat il-vaċċin u qaltli li m’esperjenzat l-ebda effetti apparti xi ftit uġiegħ f’ idejha fejn ingħatat il-vaċċin għall-ewwel 24 siegħa…xi ħaġa li tiġri anke bil-vaċċin kontra l-influwenza staġjonali.

Il-Gvern uffiċjalment irrilaxxa informazzjoni dwar effetti possibbli b’rabta mal-vaċċin:

Ir-riżultati tat-tielet fażi tal-provi fuq l-umani li nvolviet eluf ta’ voluntiera indikaw li l-effetti tal-vaċċin tal-COVID19 huma simili għall-effetti ta’ kwalunkwe vaċċin. L-effetti tipikament huma minimi u jindikaw li s-sistema immunitarja fil-ġisem tkun qed taħdem kif suppost.

L-effetti tal-vaċċin ta’ kontra l-COVID19 jistgħu jinkludu deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ jew ħmura fis-sit fejn ikun ingħata l-vaċċin, telqa u għajja. Is-sintomi tipikament iseħħu aktar wara t-tieni doża u jdumu madwar ġurnata jew tnejn.

Tracy tenfasizza l-importanza li nieħdu l-vaċċin. Hija spjegat li kellha timla formola ta’ kunsens qabel ma ħaditha. Din il-formola kienet dettaljata ħafna. Ġiet mistoqsija domandi relatati mas-saħħa personali tagħha u l-mediċini li tieħu, minħabba li dawk li jkunu qed jieħdu xi mediċini partikolari ma jkunux jistgħu jieħdu l-vaċċin. Jekk il-komunita’ tagħżel li tieħu l-vaċċin jirnexxilna nilħqu l-hekk imsejħa ‘herd immunity’. Tracy tixtieq tieħu din l-opportunita’ biex isserraħ moħħu kulħadd li hi personalment kienet kunfidenti dwar il-vaċċin. “Ħadt il-vaċċin kontra l-COVID19 għax nemmen l-informazzjoni li hi bbażata fuq studju xjentifiku, kif ukoll il-linji ta’ gwida ta’ sorsi ġenwina bħall-NHS u l-Public Health England, li f’Malta dan hu magħruf bħala l-Ministry of Health”.


Ħadt il-vaċċin kontra l-COVID19? Aqsam l-esperjenza tiegħek magħna…ikkuntattjana fuq [email protected]


Share the love