Problemi relatati mas-saħħa mentali tal-omm waqt u wara t-tqala (Perinatal Mental Health) jibdew iseħħu waqt it-tqala jew fl-ewwel sena wara t-twelid tat-tarbija. Jintlaqtu minnha sa 20% ta’ ommijiet ġodda jew li qed jistennew tarbija, u jinkludu firxa kbira ta’ kundizzjonijiet. Hawnhekk se ssib dak kollu li teħtieġ tkun taf dwar is-saħħa mentali tal-omm waqt u wara t-tqala….
Il-perjodu ‘Perinatal‘ jibda meta mara toħroġ tqila u jwassal sa l-ewwel sena wara t-twelid tat-tarbija. Il-vjaġġ personali hu uniku għall-mara waqt it-tqala, it-twelid u l-maternita’ bikrija. Dan il-perjodu jista’ jkun esperjenza tal-akbar sfida fil-ħajja tal-mara jew inkella esperjenza li tippremjak. F’dan iż-żmien huwa komuni li sew in-nisa kif ukoll l-imsieħba tagħhom jesperjenzaw emozzjonijiet differenti.
Ħafna emozzjonijiet imħallta dwar it-tqala u t-tarbija, jistgħu jibdew matul il-perjodu ta’ qabel it-twelid u jkomplu wkoll wara t-twelid. Tista’ tgħaddi minn esperjenzi ta’ nkwiet, għejja u stress li jkollhom x’jaqsmu ma’ dawn iċ-ċirkustanzi ġodda. Huwa normali li tħossok hekk u wieħed jistenna li jeħtieġlek tgħaddi minn żmien ta’ tibdil. Waqt li tkun qed tlaħħaq mat-tibdil fiżiku matul it-tqala u wara, huwa mportanti li tieħu ħsieb ukoll is-saħħa mentali tiegħek.
Il-problemi ta’ saħħa mentali ta’ l-omm waqt u wara t-twelid huma aktar komuni mill-kwistjonijiet oħra ta’ saħħa fiżika matul it-tqala għax jolqtu sa 20% tan-nisa tqal. Wara t-twelid, minn 50 sa 80% tan-nisa jaqbadhom il-postnatal blues (dwejjaq wara t-twelid). Xi nisa jistgħu jħossu anzjeta’, dipressjoni u perjodu ta’ dwejjaq. Dan huwa komuni ħafna u jekk l-emozzjonijiet ma jispiċċawx sal-ewwel ġimgħatejn u tħosshom li qed jgħelbuk u tħossok li ma tista’ tagħmel xejn kontrihom, il-parir tagħna hu li tfittex l-għajnuna.
Xi kultant, in-nisa jħossu dwejjaq kbar, anzjeta’ u disperazzjoni u dawn jistgħu jkunu sinjali ta’ dipressjoni postpartum (wara t-twelid). Din tista’ tibda f’kull mument sa l-ewwel sena wara t-twelid u s-soltu ddum ħafna ġimgħat jew xhur. Jekk tibqa’ mingħajr kura, tista’ ttawwal sa sentejn. Qatt taħseb li s-sintomi għandhom l-oriġini tagħhom minħabba t-tqala jew it-twelid.
Ejja nħarsu ftit lejn is-sinjali komuni li għandna noqgħodu attenti għalihom:
- Għajnejn imdemmgħa
- Tħossok ma tiflaħx aktar
- Tħoss kollox idejqek/ikollok xi tgħid aktar spiss ma ta’ madwarek
- Nuqqas ta’ konċentrazzjoni
- Tħossok anzjuża
- Tara bidla fil-mod tal-irqad/ma torqodx sewwa jew torqod fit-tul
- Ikollok bidla fl-aptit/ma tikolx sewwa jew tiekol ħafna
- Tħossok ma tiswa għalxejn u bla kedda u xi kultant tħossok qisek għamilt xi ħaġa ħażina
- Titlef kull interess f’dawk l-affarijiet li kont tagħmel s-soltu u tħossok li mhux qed tgħix kif kont qabel
Xi kultant in-nisa jistgħu ukoll:
- Isibu diffikulta’ biex jinġibdu emozzjonalment lejn it-tarbija
- Jiġuhom ħsibijiet ta’ mewt jew suwiċidju
- Iħossu li kulħadd irid jindaħal
- Jibdew jgħixu f’rutina fissa b’ħafna ossessjonijiet
Il-missirijiet għandom irwol ukoll:
Kollox ma’ kollox, missirijiet ġodda jgħaddu wkoll minn dipressjoni ta’ wara t-twelid, bejn wieħed minn kull 10 sa wieħed minn kull 4. Din hija rata għolja daqs dik tal-istima għall-ommijiet ġodda. Jekk qed titqabad mal-emozzjonijiet tiegħek, huwa mportanti li tfittex għajnuna! M’intix waħdek, m’intix dgħajfa u int m’għandek l-ebda tort. Dan it-tagħrif japplika għalik ukoll, jeħtieġlek tieħu ħsieb tiegħek innifsek biex tkun tista’ tieħu ħsieb is-sieħed tiegħek u tkun b’saħħtek għat-tarbija tiegħek.
Metodi ta’ kif tista’ tlaħħaq mal-isfidi:
- Huwa żmien diffiċli speċjalment meta tkun waħdek
- Tkellem dwar is-sentimenti li qed tħoss, ma xi ħadd li tafda, bħas-sieħeb tiegħek, ħabib/a, wieħed/waħda mill-aħwa jew ma’ xi ġenitur
- Tkellem mal-qabla jew l-ostetriku tiegħek dwar is-sentimenti tiegħek
- Fittex l-appoġġ jekk tħossok inkwetata dwarek innifsek jew dwar saħħet it-tarbija tiegħek
- Tkunx ħarxa miegħek innifsek, ħadd ma jistenna minnek li tkun xi superwoman jew superman
- Fittex l-għajnuna għax-xogħol tad-dar jew baby sitting
- Għażel għalik dieta tajba għas-saħħa u żomm ruħek attiva
- Dur dawra madwarek u pprova organizza ħin għalik u s-sieħeb tiegħek
Hu pass importanti li tfittex l-għajnuna.
Jekk inti tqila jew qiegħda fl-ewwel sena wara t-twelid, tista’ ċċempel lil Perinatal Mental Health Clinic ġewwa l-Isptar Mater Dei fuq 2545 7410 jew 7970 1767.
Is-Servizz offrut :
- L-għan tagħna huwa li nikkuntattjaw lil kulħadd sa ġimgħa minn meta nirċievu r-referta tat-tabib u noffru appuntament għall-ewwel kuntatt sa ġimgħatejn wara jew qabel jekk ikun urġenti
- Aħna lesti nisimgħu dak li qed jinkwetak u niggwidawk lejn il-kura li tgħodd għalik
- Aħna noffru kura Psikjatrika u Psikoterapija
- Aħna noffru appoġġ u għajnuna għad-diffikultajiet tiegħek
- Aħna nilqgħuk meta tiġi mas-sieħeb tiegħek jew ma’ ħabib/a li tafda, imma nilqgħuk xorta jekk tippreferi li tiġi waħdek
Tista’ wkoll iżżur l-NGO tagħna fuq Facebook: Parent-Infant Mental Health Alliance. L-iskop tagħna hu li nagħtu vuċi lil ħtiġijiet tan-nisa tqal, tat-trabi, tal-familji tagħhom kif ukoll ta’ dawk li jipprovdulhom il-kura tas-saħħa sabiex b’din il-ġabra wiesgħa nolqtu bl-aktar mod pożittiv il-kura ta’ qabel it-twelid f’Malta. Aħna nħeġġu lil kull ġenitur ġdid sabiex isir membru ta’ din l-NGO (Organizzazzjoni mhux Governattiva) billi jħallsu miżata ta’ sħubija ta’ sena. Meta tingħaqad ma din l-NGO, ikollok il-jedd li tattendi fi gruppi ta’ appoġġ bla ħlas u tkun tista’ tattendi seminars u konferenzi bi prezzijiet imraħħsa.
Madankollu, jekk m’intix tqila jew ilek aktar minn sena wara t-twelid tat-tarbija tiegħek, tista’ ċċempel lil Community Mental Health Clinics (Kliniċi tal-Komunita’ tas-Saħħa Mentali) u tagħmel appuntament magħna skont l-indirizz tad-dar tiegħek. Din tapplika wkoll għall-missirijiet li qed isibuha diffiċli jkunu ġenituri. Tiġi mitlub li tikseb referta mingħand it-tabib kuranti tiegħek (GP) qabel ma titlob appuntament mat-timijiet speċjalizzati tal-Komunita’ tas-saħħa mentali.
- Mtarfa- 21454917 / 21456758
- Mosta / Qawra- 21422969 / 79266325
- Qormi- 21441317 / 21440170
- Floriana- 21220454 / 21250015
- Cospicua- 2397 2330 / 21662 088
- Paola – 21821566 / 21821562
Għaddejt jew tinsab għaddejja minn problemi ta’ saħħa mentali waqt jew wara t-twelid? Aqsam magħna l-esperjenzi tiegħek fuq Wham u għinna nwarrbu t-tabu’ eżistenti dwar is-saħħa mentali (tista’ żżomm l-anonimita’ tiegħek jekk tippreferi). Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]