Meta nitkellmu dwar l-aktar kanċers komuni fin-nisa ħafna drabi niftakru dwar il-kanċer tas-sider jew il-kanċer ċervikali. Madankollu, meta bdejt nirriċerka dwar dan is-suġġett kont sorpriża ħafna meta ltqajt ma’ din l-istatistika murija hawn taħt, li ssemmi diversi tipi ta’ kanċers relatati man-nisa (Dalmas, M., 2002).
Din l-istatistika turi kemm ir-rata ta’ l-inċidenza ta’ dawn it-tipi ta’ kanċers, kif ukoll ir-rata ta’ mortalita’. Fuq bażi ta’ din l-informazzjoni hawn isfel se nevalwaw il-kanċers l-aktar komuni fin-nisa, b’enfasi fuq is-sintomi, trattamenti u informazzjoni relatata. L-informazzjoni mniżżla f’din l-istatistika hija relatata mas-snin 1998 sas-sena 2000. Għalhekk, ma kull kanċer li se nsemmi hawn taħt, se nagħti wkoll statistika aktar riċenti.
Siti Tal-Kanċers
Agħfas fuq it-tip ta’ kanċer imsemmi hawn taħt li tixtieq taqra’ aktar fuqu:
- Kanċer tas-Sider
- Kanċer tal-Musrana
- Kanċer ta’ l-Utru
- Kanċer ta’ l-Ovarji
- Limfoma
- Kanċer tat-Tirojde
- Kanċer fil-Frixa
- Kanċer fil-Pulmun
- Kanċer fl-Istonku
- Lukimja
- Kanċer fil-Moħħ
- Kanċer Ċervikali
Kanċer tas-Sider
Sintomi tal-Kanċer tas-Sider
Kanċer tas-sider jista’ jikkawża ħafna sintomi, madankollu, l-iktar sintomu komuni tiegħu huwa boċċa fis-sider. Għalkemm boċċa fis-sider ta’ spiss ma tkunx kanċer, kull meta tinħass boċċa għandha dejjem tiġi assessjata minn tabib.
Sintomi oħra ta’ kanċer tas-sider jinkludu tikmix fil-ġilda tas-sider, boċċi jew nefħa mis-sider sa taħt l-idejn, bidla fid-daqs ta’ naħa waħda jew iż-żewġ naħat tas-sider, tibdil fil-forma tan-‘nipple’, jew raxx jew tnixxija fuq jew madwar in-‘nipple’. L-uġiegħ ġeneralment mhux sintomu ta’ kanċer fis-sider.
Fatturi Ta’ Riskju Tal-Kanċer Tas-Sider
Għalkemm sal-lum il-ġurnata il-kawża tal-kanċer tas-sider għadha mhux magħrufa, hemm ċertu fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fir-riskju ta’ l-inċidenza tal-kanċer tas-sider. Dawn il-fatturi jinkludu:
- kanċer tas-sider fil-familja
- eta’ pjuttost kbira
- passat ta’ boċċi mhux kanċerużi
- dijanjosi passata ta’ kanċer tas-sider
- konsum ta’ alkoħol
- piż eċċessiv
Dijanjosi u Trattament tal-Kanċer tas-Sider
Wara vista għand it-tabib tal-familja, jekk ikun hemm bżonn tiġi riferuta għal aktar testijiet. Dijanjosi tal-kanċer tas-sider jirrikjedi mammogram jew biopsy. Jekk jinstab kmieni, kanċer tas-sider jista’ jiġi trattat b’suċċess qabel ma jinxered f’partijiet oħra tal-ġisem. Trattament jista’ jirrikjedi kirurġija, kimoterapija jew radjuterapija.
Prevenzjoni tal-Kanċer tas-Sider
Jekk għandek riskju ta’ inċidenza tal-kanċer tas-sider akbar, huwa ideali għalik li tevita l-alkoħol, tieħu ħsieb saħħtek billi tagħmel l-eżerċizzju u tikkonsma inqas xaħam saturat bħal ma ssib fi prodotti tal-ħalib, xaħam, ġilda tat-tiġieġ, butir, eċċetra, u fl-istess waqt tkun qed tikkontrolla l-piż tiegħek (NHS, 2019).
Screening għall-Kanċer tas-Sider
F’Malta għandna programm iffinanzjat mill-Gvern li jipprovdi screening għall-kanċer tas-sider. Dan il-programm ġie introdott f’Ottubru tal-2009, fejn nisa ta’ bejn il-50 u s-67 sena jiġu invitati għal mammogram b’xejn kull sentejn. Dan il-mammogram jiġi evalwat minn żewġ radjoloġisti differenti, u fejn ikun hemm xi dubju, il-pazjenta tintalab tmur għal ultrasound u possibilment biopsy.
Għal aktar informazzjoni dwar dan l-iscreening għal kanċer tas-sider tista’ tikkuntattja lill-NSP permezz ta’ imejl fuq [email protected], telefonata fuq 21227470/1, jew mill-paġna tagħhom fuq Facebook Malta National Health Screening Programmes.
Statistika dwar il-Kanċer tas-Sider f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 363 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer tas-sider, filwaqt li 64 mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer tal-Musrana
Il-kanċer tal-musrana huwa kanċer relatat mal-intestin il-kbir, li eventwalment jiġi kklassifikat bħala kanċer tal-kolon jew tar-rektum, dejjem skond minn fejn ikun beda.
Sintomi tal-Kanċer tal-Musrana
Sintomi tal-kanċer tal-musrana jinkludu:
- Demm fl-ippurgar: jekk dan ikun riżultat ta’ kanċer tal-musrana ma jseħħx darba biss iżda b’mod persistenti
- Bidla persistenti fil-frekwenza u l-ebbusija tal-ippurgar b’mod persistenti
- Uġiegħ fl-addominali b’mod persistenti, u ġeneralment akkumpanjat b’nefħa u skumdita’ speċjalment wara l-ikel
- Telf ta’ piż mhux intenzjonat u nuqqas t’aptit
- Letarġija: bla saħħa u bla enerġija
Huwa mportanti tkun taf li jista’ jkun hemm kawżi oħra għas-sintomi msemmija hawn fuq, u li jekk qed tesperjenza xi sintomi msemmija ma jfissirx li għandek kanċer fil-musrana. Madankollu, tajjeb li jekk xi sintomi jippersistu għal 4 ġimgħat tkellem it-tabib tiegħek.
Fatturi ta’ Risku tal-Kanċer tal-Musrana
Għalkemm il-kawża eżatta tal-kanċer tal-musrana għadha mhux magħrufa, hemm fatturi ta’ riskju li jistgħu iżidu ċ-ċans ta’ kanċer tal-musrana:
- Eta’: ir-riskju ta’ kanċer tal-musrana jiżdied f’individwi li għandhom aktar minn 60 sena
- Dieta: konsum frekwenti ta’ laħam aħmar u laħam ipproċessat, kif ukoll nuqqas ta’ fibra fid-dieta
- Piż: piż żejjed kif ukoll nuqqas ta’ attivita’ fiżika
- Alkoħol u Tipjip: Kemm l-alkoħol kif ukoll it-tipjip iżidu ċ-ċans tal-kanċer tal-musrana
- Kanċer tal-Musrana fil-Familja: jekk ommok jew missierek jew xi ħadd minn ħutek żviluppaw kanċer tal-musrana qabel ma għalqu 50 sena qiegħed f’riskju akbar
Prevenzjoni tal-Kanċer tal-Musrana
Jekk għandek riskju akbar li tisviluppa kanċer fil-musrana, hemm affarijiet li tista’ tagħmel biex tnaqqas dan ir-riskju. Żomm il-piż tiegħek taħt kontroll u agħmel eżerċizzju frekwenti. Waqqaf il-konsum tal-alkoħol u t-tipjip, u naqqas il-konsum ta’ laħam aħmar u pproċessat fid-dieta tiegħek.
Screening għal Kanċer tal-Musrana
F’Malta għandna programm ta’ screening għal kanċer tal-musrana msejjaħ Colorectal Cancer Screening, li huwa ffinanzjat mill-Gvern. Dan ġie ntrodott għall-individwi ta’ bejn il-55 u d-69 sena, u jsir kull sentejn. Test imsejjaħ FIT (Faecal Immunochemical Test) huwa użat għal dan il-għan (Tista’ tirreferi għal artiklu miktub minn Dr Natalie Psaila għal aktar dettalji dwar kif isir il-FIT (Faecal Immunochemical Test)). Jekk dan it-test jimmarka pożittiv, il-persuna tiġi mħeġġa tagħmel colonoscopy.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ screening għal kanċer tal-musrana tista’ tikkuntattja lill-NSP permezz ta’ imejl fuq [email protected], b’telefonata fuq 21227470/1, jew fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook Malta National Health Screening Programmes.
Dijanjosi u Trattament tal-Kanċer tal-Musrana
Meta żżur tabib wara persistenza ta’ xi sintomi msemmija aktar il-fuq, it-tabib x’aktarx iħosslok żaqqek u r-rektum għal xi boċċi jew nefħiet. It-tabib jista’ wkoll jordnalek xi testijiet tad-demm, speċjalment testijiet tal-anemija u defiċenza tal-ħadid biex jikkonferma li ma jkunx hemm telf ta’ demm mill-musrana.
Tista’ wkoll tiġi referuta l-isptar għal aktar testijiet. Testijiet jistgħu jinkludu sigmoidoscopy (eżaminazzjoni tal-passaġġ ta’ wara), biopsies (ittestjar ta’ kampjun żgħir li jittieħed mir-rektum), colonoscopy (eżaminazzjoni tal-musrana l-kbira) u CT scan (li tipprovdi viżwali 3D tal-musrana l-kbira u r-rektum) jekk ikun hemm xi suspett ta’ xi obstruzzjoni fil-musrana. Jekk tingħata xi trattament imma s-sintomi jerġgħu jirritornaw, importanti li terġa’ żżur it-tabib tiegħek għal aktar pariri.
Bowel cancer treatment includes surgical removal of cancerous parts within the rectum, chemotherapy or radiotherapy to kill cancerous cells, as well as targeted therapies which help increase effectiveness of chemo whilst preventing further cancer spreading. Surgery is usually performed as a keyhole or robotic procedure to ensure less pain and faster healing.
Il-Ħajja Wara Kanċer tal-Musrana
Wara li jitneħħa kanċer tal-musrana, l-użu ta’ stoma jkun neċessarju. Stoma tipprovdi mod diskret fejn fiha jinġabar l-ippurgar tiegħek. Għall-ewwel il-ħajja bi stoma taf tkun xi ftit skomda, iżda bis-sapport u l-għajnuna neċessarja tkun tista’ taddatta ruħek għal ħajja normali. Sapport bżonnjuż jinkludi diskussjonijiet ma tal-familja u dawk li jiġu minnek, kif ukoll ħbieb li tkun taf li jistgħu jifhmuk. Gruppi ta’ sapport jistgħu ikunu t’għajuna kbira wkoll. Tajjeb li titgħallem dwar kif inhu l-aħjar mod li bih għandek tgħix, kif ukoll li tkun ġentili miegħek innifsek sakemm taddatta ruħek għal ħajja differenti. L-infermiera jagħtuk l-informazzjoni kollha neċessarja wara li tagħmel it-trattamenti neċessarji ħalli tkun taf kif għandek tieħu ħsieb l-istoma tiegħek.
Statistika dwar il-Kanċer tal-Musrana f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 127 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer tal-musrana, filwaqt li 72 mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer ta’ l-Utru
Kanċer ta’ l-utru, magħruf ukoll bħala kanċer fl-endometriju, jaffettwa s-sistema riproduttiva tal-mara speċjalment f’nisa li jkunu diġa’ għaddew mill-menopawsa.
Sintomi Relatati mal-Kanċer ta’ l-Utru
Ħafna drabi, kanċer fl-utru jikkawża dmija vaġinali. Nisa b’kanċer ta’ l-utru jinnutaw faċilment menstrwazzjoni qawwija aktar min-normal, jew dmija bejn menstrwazzjoni w’oħra. F’nisa li diġa’ għaddew mill-menopawsa, kwalunkwe dmija vaġinali huma kkunsidrati mhux normali.
Jekk tesperjenza dak imsemmi hawn fuq, importanti li tmur għand it-tabib minnufiħ. It-tabib jista’ jeżaminak internament u jirreferik għand speċjalista biex ineħħi kull dubju ta’ problemi serji.
Fatturi ta’ Riskju tal-Kanċer ta’ l-Utru
Għalkemm il-kawża primarja tal-kanċer ta’ l-utru għadha mhux magħrufa, hemm ċertu fatturi li jżidu r-riskju li persuna tiżviluppa kanċer ta’ dan it-tip. Dawn jinkludu:
- Livell aktar għoli ta’ estroġen fil-ġisem: Fatturi li jikkontribwixxu għal din iż-żieda fl-ormoni jinkludu l-obeżita’. Nisa li għandhom piż iżjed minn normal għandhom riskju tlett darbiet aktar minn nisa b’piż normali, waqt li nisa b’obeżita’ għandhom sitt darbiet aktar riskju minn nisa b’piż normali.
- Wara l-Menopawsa: Il-ġisem jieqaf jipproduċi l-proġesteron wara l-menopawsa, madankollu, ammonti żgħar ta’ estroġen jibqgħu jiġu prodotti. Dan jikkawża ċ-ċelloli ta’ l-endometriju biex jiddividu lilhom infushom, u b’hekk iżidu r-riskju.
- Użu fit-tul ta’ Tamoxifen (mediċina għall-kanċer tas-sider). Ħafna drabi pero, il-benefiċċji huma akbar mir-riskju li tiżviluppa kanċer ta’ l-utru.
- Eta’ bejn l-40 u l-74 sena.
- Nisa li qatt ma kellhom tfal għandhom riskju akbar li jiżviluppaw kanċer fl-utru, minħabba li jidher li t-tibdil fl-ormoni waqt it-tqala jista’ jkollu effett protettiv fit-tul fuq il-ħajt ta’ l-utru.
- Livelli għolja ta’ insulina jistgħu iżidu r-riskju ta’ tumuri.
- Il-kundizzjoni magħrufa bħala PCOS tipproduċi livelli għolja ta’ estroġen, li minn naħa tiegħu iżid ir-riskju.
Jekk inti taqa’ taħt il-kategoriji msemmija hawn fuq, idealment ipprova itlef il-piż billi tiekol b’mod san u tagħmel eżerċizzju fiżiku. Tista’ wkoll tkellem il-ġinekoloġista tiegħek dwar il-possibilta’ li tagħmel użu minn kontraċettivi ormonali li jistgħu jgħinuk tnaqqas ir-riskju.
Trattament għall-kanċer ta’ l-Utru
Kanċer fl-utru spiss jiġi trattat permezz ta’ isterektomija, li tinkludi tneħħija kirurġika ta’ l-utru, xi kultant flimkien mat-tneħħija tat-tubi fallopjani u l-ovarji. Dan ifisser li wara trattament għal kanċer tal-utru jista’ jkun hemm il-possibilta’ li ma jkunx jista’ jkollok tfal b’mod normali.
F’ċertu każi fejn ikun possibbli, nisa li ma jkunux jixtiequ jitilfu ċ-ċans li jinqabdu tqal jistgħu jingħataw opportunita’ ta’ terapija alternattiva ormonali bil-proġestoġen.
Xi kultant jintużaw ukoll ir-radjuterapija u l-kimoterapija bħala trattamenti.
F’każi fejn it-trattamenti ma jistgħux jikkuraw kompletament dan il-kanċer, xorta jingħataw xi trattamenti biex inaqqsu s-sintomi u jtawwlu l-ħajja kemm ikun possibbli.
Il-Ħajja Wara Kanċer fl-Utru
Nisa li jkunu esperjenzaw isterektomija wara kanċer fl-utru ta’ spiss jesperjenzaw nuqqas ta’ libido, u ta’ spiss isibuha aktar diffiċli biex igawdu l-ħajja sesswali tagħhom, speċjalment jekk ikunu tneħħew l-ovarji. F’każ ta’ kanċer tal-endometriju, ta’ spiss jesperjenzaw tidjiq tal-kanal vaġinali, u minħabba f’hekk jibdew jesperjenzaw diffikultajiet waqt is-sess. Jekk tesperjenza problemi hekk tajjeb li tkellem lill-ġinekoloġista li tista’ tagħtik xi pariri dwar dan.
Ċertu nisa jesperjenzaw dipressjoni wara isterektomija, dejjem skond is-sitwazzjoni personali tagħhom. F’każi hekk, ‘councellors’ u terapisti jistgħu jgħinu billi jgħallmuhom modi kif ikunu jistgħu ikampaw meta jesperjenzaw uġiegħ emozzjonali jew sens ta’ ħtija. It-tabib tiegħek jista’ wkoll jiktiblek riċetta għal pilloli biex jgħinu fid-dipressjoni jekk ikun hemm il-bżonn.
Statistika Dwar il-Kanċer ta’ l-Utru f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 70 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer ta’ l-utru, filwaqt li 13-il mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer ta’ l-Ovarji
Il-kanċer ta’ l-ovarji huwa tip ieħor komuni fin-nisa. Għalkemm dat-tip ta’ kanċer jista’ jaffettwa nisa ta’ kull eta’, huwa aktar komuni f’nisa li diġa’ esperjenzaw il-menopawsa (ħafna drabi jkollhom il-fuq minn 50 sena).
Sintomi tal-Kanċer tal-Ovarji
Sintomi tal-kanċer ta’ l-ovarji xi kultant jistgħu iqarrqu b’dak li jkun għax huma simili ħafna tas-sintomi tal-IBS. Dawn jinkludu:
- Nefħa
- Skumdita’ fil-pelvis/l-addominal
- Nefħa fl-addominal
- Sensazzjoni waqt l-ikel li ġġagħlek tħossok intlejt malajr
- Żieda fil-frekwenza tal-urinazzjoni
Jekk tħossok minfuħa mill-inqas 12-il darba fix-xahar, jew qed tesperjenza aktar sintomi mniżżla hawn fuq (speċjalment jekk għandek storja ta’ kanċer fl-ovarji fil-familja), huwa mportanti li żżur it-tabib u titkellem dwar is-suġġett.
Fatturi ta’ Riskju tal-Kanċer ta’ l-Ovarji
Waqt li l-kawża prinċipali tal-kanċer ta’ l-ovarji għadha mhux magħrufa sal-lum, studji juru li hemm ċertu fatturi li jżidu r-riskju ta’ żvilupp tal-kanċer ta’ l-ovarji. Dawn jinkludu:
- Jekk għaddejt il-menopawsa u għandek il-fuq minn 50 sena
- Jekk għandek storja ta’ kanċer ta’ l-ovarji jew tas-sider fil-familja
- L-użu tal-HRT (terapija ormonali) – għalkemm ħafna drabi r-riskju huwa meqjuż bħala wieħed minimu
- Endometrijożi – kundizzjoni li tikkawża żvilupp ta’ saff fuq in-naħa ta’ barra tal-utru
- Jekk għandek piż żejjed jew għandek l-obeżita’ u nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku
- Tipjip
- Espożizzjoni għall-asbestos, li huwa mineral naturali u karċinoġeniku
Trattament tal-Kanċer ta’ l-Ovarji
It-trattament tal-kanċer ta’ l-ovarji jiddependi fuq meta l-kanċer ġie skopert, u l-istadju li jkun jisab fih. Trattamenti jinkludu kirurġija, li ġeneralment jinkludi t-tneħħija tal-ovarji t-tnejn, it-tubi fallopjani u l-utru. Il-kimoterapija fil-maġġoranza tal-każi tingħata wara l-kirurġija, madankollu, f’ċertu każi tista’ tingħata qabel il-kirurġija biex tnaqqas id-daqs tal-kanċer.
Aktar ma l-kanċer jiġi skopert kmieni, aktar ikun għoli ċ-ċans li t-trattament ikun effettiv. Sfortunatament ikun hemm każi fejn il-kanċer ma jiġix skopert kmieni biżżejjed, u għalhekk il-kura ma tkunx possibbli. Similarjament, wara trattament b’suċċess, l-istess kanċer jista’ jerġa’ jitfaċċa fi żmien ftit tas-snin, u ħafna drabi meta jiġri dan, ma jkunx hemm ċans ta’ fejqan.
Madankollu, fejn ma jkunx hemm ċans ta’ fejqan, it-tim mediku jipprovdi pjan biex bih ifittex li jnaqqas is-sintomi u jtawwal il-ħajja billi jżomm il-kanċer kemm jista’ jkun taħt kontroll. F’każi hekk, it-tim mediku jista’ b’dal mod itawwal iż-żmien b’madwar 5 u 10 snin minn wara d-dijanjosi.
Statistika Dwar il-Kanċer tal-Ovarji f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 37 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer tal-ovarji, filwaqt li 31 mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Limfoma
Il-limfoma, magħrufa wkoll bħala Non-Hodgkin Lymphoma, hija tip ta’ kanċer li tiżviluppa fis-sistema limfatika, li tinkludi vessili u glandoli mxerrda matul il-ġisem kollu, kif ukoll fis-sistema immunitarja. F’dan it-tip ta’ kanċer, il-ġisem jitlef l-abbilta’ tiegħu li jiġġieled l-infezzjonijiet, u għalhekk jiġi suxxettibbli għall-infezzjonijiet.
Sintomi u Dijanjosi tan-Non-Hodgkin Lymphoma
Sintomi ta’ dan it-tip ta’ kanċer jinkludu infieħ mingħajr uġiegħ fin-nodi limfatiċi, l-aktar komuni fl-għonq, taħt l-idejn u l-‘groin’.
Dijanjosi ta’ limfoma tista’ tingħata biss permezz ta’ biopsy, li hija proċedura kirurġika fejn ċelloli affettwati jiġu estratti u ttestjati f’ laboratorju.
Fatturi ta’ Riskju Tal-Limfoma Non-Hodgkin
Filwaqt li l-kawża primarja tal-limfoma għadha mhux magħrufa, studji juru li meta tieħu medikazzjoni immunosuppressanti, jew ikollok xi kundizzjoni medika li tnaqqaslek l-immunita’, kif ukoll jekk tkun ġejt espost għall-Epstein-Barr virus, jew għandek xi storja ta’ limfoma fil-familja (ġenituri jew aħwa), ikollok ċans akbar li tiżviluppa l-limfoma.
Trattament għall-Limfoma Non-Hodgkin
It-tip ta’ trattament magħżul għall-kura ta’ limfoma jiddependi mit-tip u l-istadju ta’ l-iżvilupp tal-kanċer, kif ukoll l-eta’ tal-persuna. Tumuri meqjusa low-grade ħafna drabi ma jirrikjedux trattament mediku immedjat, madankollu dawn it-tipi ta’ kanċers huma aktar diffiċli biex jiġu kkurati kompletament. Minn naħa l-oħra, dawk meqjusa high-grade jirrikjedu trattament mediku mmedjat imma jirrispondu aħjar u huma aktar faċli biex jitfejjqu kompletament. Trattamenti għal dan it-tip ta’ kanċer jinkludi kimoterapija, radjuterapija, jew trattamenti speċifiċi msejjħa ‘monoclonal antibody therapy’.
Huwa mportanti tinnota pero’ li f’każ ta’ trattament ta’ limfoma jista’ jkun hemm problemi fit-tul, li jinkludu infertilita’ kif ukoll riskju li jiżviluppa tip ta’ kanċer ieħor.
Statistika Dwar il-Limfoma Non-Hodgkin f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 35 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-limfoma, filwaqt li 11-il mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer tat-Tirojde
Il-kanċer tat-tirojde huwa tip ta’ kanċer li jaffettwa l-glandola tat-tirojde, li hija glandola li tipproduċi l-ormoni u li tinsab fil-bażi ta’ l-għonq. In-nisa huma tlett darbiet aktar fir-riskju li jiżviluppaw dan it-tip ta’ kanċer mill-irġiel. Il-kanċer fit-tirojde jaffettwa persuni fit-tletinijiet kif ukoll dawk ta’ eta’ l-fuq minn 60 sena.
Sintomi tal-Kanċer tat-Tirojde
Sintomi komuni tal-kanċer tat-tirojde jinkludu:
- uġiegħ persistenti fil-griżmejn
- diffikulta’ biex tibla’
- ħanqa persistenti
- nefħa fil-glandoli ta’ l-għonq
- boċċa jew nefħa fuq quddiem ta’ l-għonq
Huwa mportanti tinnota pero’ li mhux kull nefħa fl-għonq tfisser li hija kanċer. Fil-fatt, ir-riċerka turi li madwar waħda minn kull għoxrin boċċa biss ikunu kanċerużi.
Dijanjosi tal-Kanċer fit-Tirojde
Jekk tesperjenza xi sintomi mniżżla aktar il-fuq huwa mportanti li tkellem lit-tabib tiegħek. Dan x’aktarx jeżaminalek għonqok u jordnalek testijiet tad-demm biex jara kif tkun qed tiffunzjona t-tirojde tiegħek. It-tabib jista’ wkoll jirreferik għal aktar testijiet biex ineħħi kull dubju ta’ dan il-kanċer, testijiet li jinkludu ultrasound scan, biopsy, CT scan jew MRI.
Fatturi ta’ Riskju tal-Kanċer tat-Tirojde
Il-kanċer tat-tirojde jiġi kkawżat meta ċ-ċelloli tat-tirojde jesperjenzaw tibdil fl-istruttura tad-DNA tagħhom, li mbagħad jikkawżaw tkabbir f’forma ta’ nefħa jew boċċa. Għalkemm il-kawża ta’ dan it-tibdil fl-istruttura tad-DNA tat-tirojde għadha mhux magħrufa sal-lum, studji juru li dawn il-fatturi jżidu ċ-ċans ta’ żvilupp ta’ dan it-tip ta’ kanċer:
- Piż eċċessiv
- Kundizzjonijiet eżistenti relatati mat-tirojde bħal ma huma t-Thyroiditis jew il-Goitre (underactive jew overactive thyroid ma żżidx dan ir-riskju)
- Kanċer tat-tirojde fil-familja
- Radjazzjoni/radjuterapija fit-tfulija
- Li jkollok il-FAP (Familial Adenomatous Polyposis) – problema relatata mal-musrana
- Li jkollok Acromegaly – kundizzjoni rari li tikkawża l-ġisem biex jipproduċi tkabbir eċċessiv t’ormoni
Trattament tal-Kanċer tat-Tirojde
It-trattament tal-kanċer tat-tirojde jiddependi fuq it-tip ta’ kanċer kif ukoll fuq kemm ikun laħaq infirex meta ssir id-dijanjosi. It-trattament jista’ jinkludi tneħħija ta’ parti tat-tirojde jew tneħħija tat-tirojde b’mod komplet permezz tal-kirurġija, trattament permezz ta’ iodine radjuattiv (li huwa likwidu li jinxtorob oralment), kimoterapija jew radjuterapija. Wara t-trattament ikun hemm bżonn ta’ follow-ups oħra biex tiġi ċċekkjata għal rikorrenza ta’ l-istess kanċer.
Statistika Dwar il-Kanċer tat-Tirojde f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 58 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer tat-tirojde, filwaqt li l-ebda mara ma tilfet ħajjitha bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer fil-Frixa
Il-kanċer tal-frixa jinstab fil-parti ta’ fuq tal-addominal. Il-funzjoni tal-frixa tinkludi għajnuna fid-diġestjoni ta’ l-ikel kif ukoll fil-produzzjoni tal-ormoni.
Sintomi tal-Kanċer fil-Frixa
Is-sintomi tal-kanċer fil-frixa jistgħu ikunu xi ftit diffiċli biex jiġu nnutati, u xi kultant ma jkun hemm l-ebda sintomu preżenti. Xi sintomi possibbli jinkludu:
- Suffejra – il-ġilda tal-ġisem jew l-abjad ta’ l-għajnejn jisfaru
- Urina skura
- Ipprurgar pallidu
- Nuqqas t’aptit jew telf ta’ piż bla spjegazzjoni
- Telqa u nuqqas t’enerġija
- Deni
- Dehxiet ta’ bard jew sħana
- Dardir
- Nefħa jew sintomi oħra relatati ma’ indiġestjoni
- Tibdil fil-konsistenza ta’ l-ippurgar
- Uġiegħ fl-addominali jew fid dahar, li jiggrava meta tiekol jew timtedd, imma li jonqos meta titbaxxa l-quddiem
Huwa mportanti nsemmu li s-sintomi msemmija t’hawn fuq jistgħu ukoll ikunu riżultat ta’ IBS jew kundizzjonijiet oħra simili.
Dijanjosi tal-Kanċer fil-Frixa
Jekk qed tesperjenza sintomi msemmija hawn fuq li huma persistenti jew li donnhom qed imorru għall-agħar, jew għandek xi dubji, importanti li tkellem tabib. It-tabib x’aktarx li jħosslok żaqqek u jitolbok ukoll kampjun ta’ l-urina, kif ukoll jordnalek xi testijiet tad-demm. Testijiet oħra jistgħu ikunu suġġeriti biex ineħħu kull dubju ta’ kanċer fil-frixa, bħal CT Scan, PET Scan, MRI Scan, Biopsy, Laparoscopy, jew ERCP. Dawn it-testijiet jistgħu ukoll jintużaw għal dijanjosi ta’ problemi oħra relatati ma organi ta’ dik l-istess żona.
Fatturi ta’ Riskju tal-Kanċer tal-Frixa
Waqt li l-kawża tal-kanċer tal-frixa għadu mhux magħruf sal-lum, hemm fatturi ta’ riskju li jżidu ċ-ċans li persuna tiżviluppa dan it-tip ta’ kanċer. Dawn jinkludu:
- Li jkollok aktar minn 75 sena
- Li jkollok kundizzjonijiet oħra mediċi relatati mal-frixa, bħal pancreatitis
- Kanċer tal-frixa fil-familja
Prevenzjoni u Trattament għall-Kanċer tal-Frixa
Il-kanċer tal-frixa huwa ta’ spiss assoċjat ma l-istil tal-ħajja. Filwaqt li dan it-tip ta’ kanċer mhux dejjem jista’ jiġi evitat, hemm ċertu tibdil li faċilment tista’ tagħmel biex tnaqqas iċ-ċans li tiżviluppa l-kanċer fil-frixa. Dan jinkludi tibdil bħal:
- Telf ta’ piż, speċjalment jekk inti overweight jew obese
- Naqqas il-konsum ta’ laħam aħmar u laħam ipproċessat
- Waqqaf it-tipjip u naqqas il-konsum tal-alkoħol tiegħek
Il-kanċer tal-frixa jista’ jkun diffiċli ħafna biex tfejjqu, u t-trattament għalih jiddependi mid-daqs tal-kanċer, il-post tiegħu, jekk kienx hemm firxa kif ukoll is-saħħa ġenerali tal-persuna. Trattamenti suġġeriti jinkludu kirurġija, kimoterapija, radjuterapija u sapport.
Jekk il-kanċer ikun fi stadju avvanzat u ma jkunx hemm tama ta’ fejqan, l-enfasi tat-trattament ikun iffukat fuq li jitnaqqsu s-sintomi billi tiġi limitata l-firxa tal-kanċer, u fl-istess waqt jittawwal iż-żmien.
Statistika Dwar il-Kanċer tal-Frixa f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 29 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer fil-frixa, filwaqt li 35 mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer fil-Pulmun
Il-kanċer fil-pulmun huwa wieħed mill-aktar kanċers komuni kemm fin-nisa kif ukoll fl-irġiel, u ħafna drabi jiġi meqjuż bħala kanċer serju ħafna. Meta dan it-tip ta’ kanċer jiżviluppa fil-pulmun insejħulu ‘kanċer primarju fil-pulmun’, filwaqt li meta l-kanċer jiżviluppa f’post ieħor u jimxi għal pulmun insejħulu ‘kanċer sekondarju fil-pulmun’. F’dan l-artiklu ħa niffokaw fuq il-kanċer primarju fil-pulmun.
Sintomi tal-Kanċer fil-Pulmun
Sfortunatament, fl-istadji bikrin tal-kanċer fil-pulmun ħafna drabi ma jkun hemm l-ebda sintomi li persuna tista’ tinnota. Madankollu, hekk kif il-kanċer ikompli jiżviluppa, ħafna jibdew jesperjenzaw sintomi bħal ma huma:
- nuqqas ta’ nifs b’mod persistenti
- sogħla persistenti
- uġiegħ waqt li tieħu n-nifs u/jew tisgħol
- sogħla bid-demm
- għajja żejda bla raġuni
- telf ta’ piż bla raġuni
Huwa mportanti ħafna li jekk tesperjenza xi sintomi minn dawn imsemmija hawn fuq, kellem lit-tabib tiegħek kemm jista’ jkun malajr.
Fatturi ta’ Riskju tal-Kanċer fil-Pulmun
Il-kanċer fil-pulmun jista’ jiżviluppa fi kwalunkwe persuna, anke f’dawk li ma jpejjpux. Madankollu, hemm riskju ħafn’akbar fl-inċidenza ta’ kanċer fil-pulmun f’ dawk li jpejjpu. Filfatt, it-tipjip iwassal għal madwar 72% tal-każi totali tal-kanċer tal-pulmun, minħabba li jinvolvi xamm ta’ sustanzi tossiċi. Il-kanċer tal-pulmun jidher li huwa aktar rari f’individwi ta’ taħt l-40 sena. Filfatt, skond l-NHS, 4 minn kull 10 individwi li jingħataw dijanjosi ta’ kanċer tal-pulmun fl-Ingilterra ikollhom 75 sena jew aktar.
Trattament tal-Kanċer fil-Pulmun
It-tip ta’ kanċer tal-pulmun kif ukoll l-istadju li jkun wasal fih u s-saħħa ġenerali tal-individwu jiddeterminaw it-tip ta’ trattament li jintagħżel għall-individwu. Trattamenti possibbli jinkludu kirurġija, radjuterapija u kimoterapija.
Sfortunatament is-sintomi tal-kanċer fil-pulmun ħafna drabi jdumu biex jiġu evidenti, u għalhekk xi kultant, il-fejqan ikun impossibbli. F’ każi hekk, terapiji speċifiċi jiġu offruti biex jiġi kkontrollat il-kanċer. Dijanjosi minn kmieni hija kruċjali fil-każ ta’ dan it-tip ta’ kanċer.
Statistika Dwar il-Kanċer fil-Pulmun f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 66 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer fil-pulmun, filwaqt li 49 mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Ir-riskju li tiżviluppa kanċer fil-pulmun jista’ jitnaqqas drastikament jekk ma tpejjipx. Jekk għadek qatt ma pejjipt, tissugrax taqbad vizzju li diffiċli twaqqaf. Għallem lill-uliedek il-periklu li jġib miegħu it-tipjip, kif ukoll dwar ir-riskju ħafn’akbar ta’ kanċer fil-pulmun minħabba t-tipjip. Jekk inti tpejjep diġa’, aħsibha sew u agħmel il-kuraġġ u ipprova ieqaf. Inti TISTA’ tieqaf tpejjep jekk tagħmel ħiltek kollha biex jirnexxilek. Nissuġġerilek taqra’ xi ftit tal-pariri siewja dwar kif tista’ tieqaf tpejjep, miktuba minn Dr Natalie Psaila li jistgħu jgħinuk tibda taħdem fuq din il-bidla tant bżonnjuża għal saħħa aħjar.
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer fl-Istonku
Il-kanċer fl-istonku jista’ jiżviluppa fi kwalunkwe parti ta’ l-istonku.
Sintomi tal-Kanċer fl-Istonku
Is-sintomi tal-kanċer fl-istonku jistgħu ikunu pjuttost diffiċli biex jiġu nnutati, speċjalment fejn ikun hemm kundizzjonijiet oħra relatati ma’ l-istonku, bħal ma huma l-GERD (gastro-oesophageal reflux disease), minħabba li s-sintomi tagħhom huma simili. Minħabba f’hekk tajjeb li jekk tkun qed tesperjenza xi sintomi relatati, tkellem lit-tabib tiegħek, speċjalment jekk dawn is-sintomi jiggravaw, jinbidlu, jew jibdew jinħassu differenti jew strambi.
Sintomi relatati mal-kanċer tal-istonku jinkludu:
- nuqqas t’aptit
- sensazzjoni ta’ stonku mimli malajr waqt l-ikel
- diffikulta’ biex tibla’
- telf ta’ piż bla spjegazzjoni
- dardir jew rimettar
- uġiegħ jew boċċa fin-naħa ta’ fuq ta’ l-addominal
- telqa u nuqqas t’ enerġija
- ħruq ta’ stonku jew rifluss ta’ aċtu
- sintomi t’indiġestjoni, inkluż tfewwieq eċċessiv
Dijanjosi ta’ Kanċer fl-Istonku
Meta tesperjenza xi sintomi msemmija hawn fuq, importanti li tkellem lit-tabib tiegħek. It-tabib x’aktarx iħosslok l-addominal u jista’ jkun jissuġġerixxi li tagħmel test ta’ kampjun ta’ l-urina jew ippurgar, kif ukoll testijiet tad-demm. Jista’ jkun li jirreferik ukoll għal aktar testijiet sabiex tiġi eskluża l-possibilta’ ta’ kanċer fl-istonku.
Testijiet oħra jistgħu jinkludu gastroscopy, li permezz tagħha speċjalista jista’ jara l-ġewwieni ta’ l-istonku tiegħek minn tubu rqieq, twil u flessibbli li jiddaħħal mill-ħalq. Mill-istess proċedura jista’ jittieħed ukoll kampjun (biopsy) biex jiġi ttestjat fil-laboratorju. Din il-proċedura tista’ tgħin biex jinstabu problemi oħra relatati mal-oesophagus (li huwa l-pajp ta’ l-ikel) kif ukoll mal-musrana ż-żgħira. Testijiet oħra jistgħu jinkludu CT Scan, PET Scan u Laparoscopy.
Fatturi ta’ Riskju tal-Kanċer ta’ l-Istonku
L-istudji juru li kulħadd jista’ jiżviluppa kanċer fl-istonku. Madankollu, hemm fatturi partikolari li jistgħu iżidu r-riskju għal dan il-kanċer:
- li tkun raġel
- li jkollok 50 sena jew aktar
- kanċer ta’ l-istonku fil-familja, speċjalment fil-ġenituri u l-aħwa
- problemi oħra relatati ma’ l-istonku bħal ma huma aċtu eċċessiv, gastritis, jew pernicious anaemia, li jkollhom effett dirett fuq is-sistema immunitarja
- li jkollok infezzjoni fit-tul tal-Helicobacter Pylori (H. pylori)
Prevenzjoni u Trattamenti għall-Kanċer fl-Istonku
Il-maġġoranza tal-kanċers fl-istonku huma relatati ma għażliet tal-ħajja. Għalhekk, għalkemm mhux dejjem jista’ jiġi pprevenut dan it-tip ta’ kanċer, hemm ċertu tibdil li tista’ tagħmel biex tnaqqas ir-riskju li tiżviluppah:
Żomm piż san: jekk għandek piż eċċessiv, ipprova implimenta tibdil f’ħajtek sabiex tnaqqas il-piż. Naqqas l-ammont ta’ melħ li tikkonsma u llimita l-ammont ta’ laħam aħmar u pproċessat fid-dieta tiegħek. Inkludi wkoll mill-inqas 5 porzjonijiet ta’ ħaxix u frott fl-ikliet tal-ġurnata tiegħek.
Ipproteġi lilek innifsek minn sustanzi perikolużi: jekk tpejjep jew tikkonsma l-alkoħol, ipprova ieqaf. Evita li tixrob aktar minn 14-il unit ta’ alkoħol fil-ġimgħa, u jekk hu possibbli waqqaf it-tipjip għal kollox. Jekk taħdem f’ambjent fejn tiġi ta’ spiss esposta għal kimiċi perikolużi, ilbes ilbies protettiv u maskli.
It-trattament għal kanċer fl-istonku jiddependi fuq is-saħħa ġenerali ta’ l-individwu, kif ukoll minn fejn ikun beda l kanċer, kemm ikun infirex, kif ukoll it-tip ta’ kanċer li hu. It-trattament jista’ jinkludi kirurġija, li ħafna drabi jieħu aktar fit-tul biex tiġi f’postok minnu. Kimoterapija u radjuterapija jistgħu ukoll ikunu magħżula bħala trattamenti. F’każ ta’ kanċer bla tama ta’ fejqan, trattamenti speċifiċi jistgħu jintużaw biex jikkontrollaw il-firxa tal-kanċer. Fejn ikun hemm xi mblukkar fl-istonku tista’ wkoll tiġi magħżula l-kirurġija, dejjem meta l-kanċer ma jkunx hemm tama ta’ fejqan għalih. Din tgħin biex l-ikel jgħaddi b’mod aktar faċli.
Statistika Dwar il-Kanċer fl-Istonku f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 16-il każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer fl-istonku, filwaqt li 13-il mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Lukimja
Il-lukimja hija tip ta’ kanċer li jaffettwa ċ-ċelloli bojod tad-demm. Lukimja akuta tipprogressa malajr ħafna u b’mod aggressiv, u tirrikjedi trattament immedjat. Lukimja Myeloid (AML) taffettwa ċ-ċelloli myeloid, li huma tip wieħed miż-żewġ tipi ta’ ċelloli bojod fid-demm. Il-funzjoni ta’ dawn iċ-ċelloli hija li jiġġieldu infezzjonijiet batteriċi u jipprevjenu ħsara fit-’tissue’.
Sintomi tal-Lukimja Akuta Myeloid
Lukimja akuta myeloid hija aggressiva u tinfirex malajr ħafna. Is-sintomi tagħha jiżviluppaw fi ftit ġimgħat u jiggravaw maż-żmien. Is-sintomi jinkludu:
- infezzjonijiet rikurrenti jew frekwenti
- tnixxija ta’ demm mhux tas-soltu bħal nose bleeds u bleeding gums
- ġilda pallida
- telqa
- sensazzjoni ta’ bla nifs
- telf ta’ piż bla spjegazzjoni
Fatturi ta’ Riskju tal-Lukimja Akuta Myeloid
Waqt li fil-maġġoranza tal-każi, il-lukimja myeloid jidher li għad m’għandhiex kawża magħrufa, hemm numru ta’ fatturi li jistgħu iżidu ċ-ċans ta’ l-iżvilupp ta’ dan it-tip ta’ kanċer. Dawn jinkludu: espożizzjoni għar-radjazzjoni, kimoterapija jew benzene, li jintuża fil-manifattura tas-sigaretti. It-tipjip jidher li jżid ir-riskju. Differenzi relatati mad-demm jew kundizzjonijiet ġenetiċi bħal ma huma d-‘down’s syndrome’. Ir-riskju jiżdied ukoll ma l-eta’, bl-eta’ ta’ aktar minn 75 sena jew aktar tkun iktar suxxettibbli.
Trattament tal-Lukimja Akuta Myeloid
It-trattament għal dan it-tip ta’ kanċer irid jiġi mibdi mill-aktar fis possibbli. Trattamenti jinkludu il-kimoterapija, imma f’ċertu każi, kimoterapija intensiva u radjuterapija jistgħu ukoll ikunu bżonnjużi, ikkumbinati ma’ bone marrow transplant jew stem cell transplant.
Statistika Dwar il-Lukimja Akuta Myeloid f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 10każi ġodda kkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-lukimja akuta myeloid, filwaqt li 7 nisa tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer fil-Moħħ
Il-kanċer fil-moħħu huwa kanċer malinju fil-moħħ. Dan huwa differenti minn kanċer beninju li jinfirex ħafn’aktar bil-mod u li mhuwiex kanċeruż.
Sintomi tal-Kanċer fil-Moħħ
Is-sintomi ta’ kanċer fil-moħħ ivarjaw skond il-post inizzjali tal-kanċer. Dawn jinkludu:
- uġiegħ ta’ ras li jkunu aktar gravi filgħodu, u waqt is-sogħla jew kwalunkwe attivita’ stressanti
- sensazzjoni ta’ nuqqas ta’ saħħa
- problemi relatati mal-viżjoni u diskors li jiggravaw maż-żmien
- aċċessjonijiet
- dardir u rimettar b’mod regolari
- problemi relatati mal-memorja
- tibdil fil-personalita’
Trattament għal Kanċer fil-Moħħ
Trattamenti għal kanċer fil-moħħ jinkludu kirurġija, kimoterapija, radjuterapija, radjukirurġija, u l-użu ta’ impjanti carmustine, li huwa mod li ġie żviluppat riċentament. Trattamenti oħra jistgħu jingħataw fejn ikun hemm il-bżonn li jiġu kkontrollati s-sintomi relatati mal-kanċer fil-moħħ bħal f’każi t’uġiegħ ta’ ras u rimettar.
Meta jinstab kmieni, dan it-tip ta’ kanċer jista’ jiġi kkurat. Madankollu, dan jista’ jerġa jirritorna, u meta jiġri dan, ikun aktar diffiċli biex jiġi kkurat u xi kultant impossibbli.
Meta tumur fil-moħħ jiġi mneħħi b’suċċess, il-persuna xorta tista’ tesperjenza problemi fit-tul, bħal ma huma problemi fid-diskors, fil-mobbilta’ u anke aċċessjonijiet rikurrenti. ‘Occupational Therapy’ kif ukoll il-Fisioterapija jistgħu jgħinnu lill-persuna taddatta għal ħajja b’dawn il-problemi.
Effetti oħra ta’ kanċer fil-moħħ jinkludu katarretti, epilessija, u problemi oħra relatati mal-ħsieb, memorja, lingwa u ġudizzju. Puplesija hija wkoll possibbli. Biex tnaqqas ir-riskju li tiżviluppa puplesija wara kanċer fil-moħħ, importanti li taddatta ħajja sana kemm jista’ jkun, speċjalment permezz ta ikel san, eżerċizzju fiżiku, u twaqqif ta’ tipjip.
Statistika Dwar il-Kanċer fil-Moħħ f’Malta
Fil-Gżejjer Maltin tul is-snin ta’ bejn l-1998 u l-2000 kellna 23 każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer fil-moħħ, filwaqt li 21 mara tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Dalmas, M., 2002).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
Kanċer Ċervikali
Il-kanċer ċervikali mhuwiex imniżżel bħala kanċer b’ rata ta’ mortalita’ u inċidenza għolja fin-nisa Maltin skond l-istatistika murija fil-bidu ta’ dan l-artiklu. Nistgħu x’aktarx nattribwixxu dan għal programm ta’ screening ċervikali li għandna f’pajjiżna, li hu ffinanzjat mill-Gvern.
Prevenzjoni tal-Kanċer Ċervikali
Screening: Il-kanċer ċervikali jista’ jiġi kkontrollat l-aħjar permezz ta’ l-iscreening. Meta abnormalitajiet ċervikali jiġu skoperti waqt pap smear, it-trattament jista’ jibda minnufih, u b’hekk jiġi evitat li dan jiżviluppa f’kanċer ċervikali. Fil-fatt huwa magħruf li ttestjar permezz tal-pap smear inaqqas l-inċidenza tal-kanċer ċervikali sa 80%.
F’Malta, screening ċervikali huwa offrut b’xejn lin-nisa ta’ bejn il-25 u d-49 sena kull tlett snin, u sa 64 sena kull 5 snin. Madankollu, minħabba li kważi kull kanċer ċervikali jaf il-fażi inizzjali tiegħu lill HPV, li huwa vajrus komuni li jgħaddi bejn persuna w’oħra permezz ta’ kuntatt sesswali kwalunkwe, in-nisa huma nkoraġġuti li jibdew imorru għal pap smear minn meta jibdew ikunu attivi sesswalment.
Għal aktar informazzjoni dwar is-cervical screening programme tista’ tikkuntattja lill-NSP permezz ta’ imejl fuq [email protected], permezz tat-telefon fuq 21227470/1, jew fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook Malta National Health Screening Programmes.
It-Tilqima HPV: Tilqima ta’ l-HPV hija offruta b’xejn lill-bniet ta’ 12-il sena, b’żewġ dożi li jingħataw b’ 6 xhur bejniethom. Din it-tilqima msejjħa Gardasil, tipproteġi minn 4 tipi ta’ HPV, inklużi 2 tipi li huma responsabbli għall-maġġoranza tal-każijiet ta’ kanċer ċervikali. Din it-tilqima tipprevjeni wkoll mill-felul ġenitali. Tajjeb ngħidu li għalkemm din it-tilqima tnaqqas iċ-ċans ta’ żvilupp tal-kanċer ċervikali, nisa attivi sesswalment huma xorta inkoraġġuti biex jattendu pap smears regolarment.
Twaqqif tat-Tipjip: It-tipjip sfortunatament jagħmilha aktar diffiċli biex persuna tfieq minn HPV’s li eventwalment jistgħu jiżviluppaw kanċer ċervikali. Għalhekk, jekk ma tpejjipx tajjeb li ma tibdiex, u jekk tpejjep importanti li tieqaf ħalli tnaqqas iċ-ċans li tiżviluppa dan it-tip ta’ kanċer.
Sess Bla Periklu: L-HPV jinfirex permezz ta’ sess bla protezzjoni. L-użu tal-kondoms huwa l-aħjar mod li bih tnaqqas iċ-ċans ta’ HPV. Madankollu tajjeb ngħidu li dan il-vajrus jista’ jinfirex permezz ta’ kwalunkwe kuntatt sesswali, u r-riskju jikber aktar jekk ikollok aktar minn partner wieħed jew waħda.
Sintomi tal-Kanċer Ċervikali
Is-sintomi ta’ kanċer ċervikali mhux dejjem ikunu preżenti minn kmieni, u għalhekk l-iscreening huwa l-aħjar mod li bih tista’ tipprevjeni dan it-tip ta’ kanċer. Madankollu, l-ewwel sintomi viżibbli ħafna drabi jkunu relatati ma’ dmija, speċjalment dmija bejn menstrwazzjoni w’oħra, dmija wara l-menopawsa, jew dmija waqt jew wara s-sess. Għalhekk, huwa mportanti li żżur it-tabib immedjatament jekk tesperjenza xi dmija minn dawn imsemmija hawn fuq.
Statistika Dwar il-Kanċer Ċervikali f’Malta
Fl-2017 fil-gżejjer Maltin kellna 11-il każ ġdid ikkonfermat ta’ nisa li ngħataw dijanjosi tal-kanċer ċervikali, filwaqt li 7 nisa tilfu ħajjithom bl-istess kanċer (Department of Health Information and Research, 2019).
Agħfas HAWN biex taċċessa l-lista kollha tat-tipi ta’ kanċers komuni fin-nisa…
References
Dalmas, M. (2002). Cancer in the Maltese Islands 1998-2000. Malta National Cancer Registry. Department of Health Information. Accessed on 5th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/can_malt_isl.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Cervix Uteri Cancer. Malta National Cancer Registry. Accessed on 18th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Cervix%20uteri_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Colorectum Cancers. Malta National Cancer Registry. Accessed on 12th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Colorectum_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Female Breast Cancer. Malta National Cancer Registry. Accessed on 6th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Breast_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Lung Cancers. Malta National Cancer Registry. Accessed on 17th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Lung_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Multiple Myeloma Cancers. Malta National Cancer Registry. Accessed on 18th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Multiple%20myeloma_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Non Hodgkin’s Lymphoma. Malta National Cancer Registry. Accessed on 16th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/NHL.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Ovarian Cancer. Malta National Cancer Registry. Accessed on 16th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Ovary_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Pancreas Cancer. Malta National Cancer Registry. Accessed on 16th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Pancreas_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Stomach Cancers. Malta National Cancer Registry. Accessed on 18th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Stomach_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Thyroid Cancers. Malta National Cancer Registry. Accessed on 16th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Thyroid_2017.pdf
Department of Health Information and Research (2019). Uterus Cancers. Malta National Cancer Registry. Accessed on 12th October 2020 at https://deputyprimeminister.gov.mt/en/dhir/Documents/Cancer/2020/cancers%20pdfs/Uterus%20body_2017.pdf
NHS (2019). Acute Myeloid Leukaemia. Accessed on 18th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/acute-myeloid-leukaemia/
NHS (2019). Bowel Cancer. Accessed on 11th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/bowel-cancer/
NHS (2019). Breast cancer in women. Accessed on 6th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/breast-cancer/
NHS (2019). Cervical cancer. Accessed on18th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/cervical-cancer/
NHS (2019). Living with womb (Uterus) cancer. Accessed on 12th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/womb-cancer/living-with/
NHS (2019). Lung cancer. Accessed on 17th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/lung-cancer/
NHS (2019). Malignant Brain Tumour (Brain Cancer). Accessed on 18th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/malignant-brain-tumour/
NHS (2019). Non-Hodgkin Lymphoma. Accessed on 16th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/non-hodgkin-lymphoma/
NHS (2019). Ovarian cancer. Accessed on 16th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/ovarian-cancer/
NHS (2019). Stomach cancer. Accessed on 18th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/stomach-cancer/
NHS (2019). Thyroid cancer. Accessed on 16th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/thyroid-cancer/
NHS (2020). What is pancreatic cancer. Accessed on 16th October 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/pancreatic-cancer/
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn