Dieta bbilanċjata
Dieta bbilanċjata hija parti importanti ħafna għall-istil ta’ ħajja sana, imma hija speċjalment vitali jekk tkun tqila jew qed tippjana tqala. Li tiekol affarijiet tajbin għas-saħħa jgħin lit-tarbija tiżviluppa u tikber tajjeb. Sakemm, ma tbatix minn xi marda relatata ma’ l-ikel, m’għandekx bżonn taddatta għal dieta speċjalizzata, imma huwa mportanti li tiekol varjeta’ ta’ ikel kuljum biex takkwista bilanċ tajjeb ta’ nutrijenti għalik u għat-tarbija tiegħek.
Il-‘Folic acid’ huwa suppliment li dejjem irid jittieħed waqt it-tqala, apparti vitamini oħra li jistgħu jingħataw skond il-każ. Għalkemm jista’ jaqbdek aktar ġuħ meta tkun tqila, mhuwiex veru li għandek ‘tiekol għal tnejn’. Fil-fatt, jekk tagħmel dan tista’ tikkawża piż eċċessiv waqt it-tqala. Meta ngħidu ikel tajjeb għas-saħħa ma’ jfissirx li għandek taqta’ l-ikliet il-favoriti tiegħek, iżda ifisser li l-ammonti ta’ ikel differenti li tiekol għandhom jinbidlu biex id-dieta tiegħek tkun varjata. Bħala referenza tista tuża ‘Il-Platt ta’ Ikel San’, li jurik kemm għandek bżonn tiekol mill-gruppi differenti ta’ ikel biex takkwista bilanċ san fid-dieta tiegħek.
M’għandekx għalfejn takkwista l-bilanċ irrakkomandat ma’ kull ikla, imma pprova ikseb dan il-bilanċ tajjeb f’medda ta’ ġimgħa.
Kolazzjon san huwa dejjem tajjeb biex jibdielek il-ġurnata. Dan jgħinek tevita li tnaqqar ikel mimli xaħam u zokkor. Kul ħafna frott u ħaxix għax dawn jipprovdu vitamini u minerali neċessarji. Kul ukoll ikel li għandu l-fibra. Il-fibra tgħin is-sistema diġestiva u biex tiġi evitata l-istitikezza. Kul mill-inqas 5 porzjonijiet ta’ frott u ħaxix varjat kuljum – dawn jinkludu ħaxix u frott frisk, iffriżat, fil-laned, imnixxef jew immerraq. Dejjem aħsel il-frott u l-ħaxix sew.
Agħżel laħam dgħif, neħħi l-ġilda mit-tjur, u ipprova żżidx xaħam jew żejt żejjed meta ssajjar. Kun ċerta li tjur, bergers, zalzet u qatgħat sħaħ ta’ laħam bħal ħaruf, ċanga u majjal ikunu msajjra sew sakemm il-fwar jgħaddi kollu. Ara li ma jkunx fadallek laħam roża u li ma jkunx hemm meraq roża jew aħmar. Ipprova kul żewġ porzjonijiet ta’ ħut kull ġimgħa. Wieħed minn dawn il-porzjonijiet għandu jkun ħut żejtni bħas-salamun, sardin jew kavalli. Ikel li ġej mill-ħalib, bħal ħalib, ġobon u jogurt huma mportanti fit-tqala minħabba li fihom il-kalċju u nutrijenti oħra li int u t-tarbija tiegħek teħtieġu.
Ikel li fih ħafna xaħam u zokkor
Ikel u xorb mimlija zokkor ġeneralment ikollhom ħafna kalorijji, u jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-piż. Li tiekol ikel u xorb biz-zokkor jista’ wkoll iwassal għat-tħassir tas-snien. Ix-xaħam għandu ħafna kaloriji, għalhekk jekk tiekol ħafna ikel xaħmi, jew tiekol dan l-ikel ta’ spiss, tispiċċa żżd fil-piż. Meta tiekol wisq xaħam saturat jista’ jiżdiedlek ukoll l- ammont ta ‘ kolesterol fid-demm tiegħek, li jżid iċ- ċans tiegħek li tiżviluppa mard tal-qalb. Ikel li għandu kontenut għoli ta’ zokkor u/jew xaħam għandu jkun limitat fid-dieta tiegħek. Dan it-tip ta’ ikel jinkludi butir, żejt, dressings tal-insalata, krema, ċikkulata, crisps u pakketti oħra snack, gallettini, pasti, ikel takeaway (bħal pastizzi, qassatat), ġelat, kejk u luminati. Dawn għandhom ikunu limitati ħafna fid-dieta tiegħek, meħuda inqas ta’ spiss u f’ammonti żgħar.
Hemm ukoll ikel li mhux saturat bħal ħut żejtni, ġewż, avokado u ż-żejt taż-żebbuġa. Dan ix-xaħam jista’ jiġi nkluż fid-dieta tiegħek għax jipprovdi l-Omega 3 u Omega 6. Dan huwa tajjeb għal saħħtek. Dejjem oqgħod attenta mid-daqs tal-porzjon tiegħek għax li żżomm bilanċ huwa mportanti ħafna fi kwalunkwe dieta.
Ikliet ħfief tajbin għas-saħħa fit-tqala
Jekk jaqbdek il-ġuħ bejn l-ikliet, ipprova tikolx ikliet ħfief li huma mimlija xaħam u/jew zokkor, bħall-ħelu, gallettini, krisps jew ċikkulata. Minflok, agħżel xi ħaġa aktar sana, bħal:
- Sandwiches żgħar jew ‘pitta bread’ bil-ġobon, perżut dgħif, tonn, salamun, jew sardin, bis-salad
- Salad bil-ħaxix, bħall-karrott, karfus jew ħjar
- Jogurt tal-frott b’kontenut baxx ta’ xaħam, jew jogurt sempliċi bil-frott
- Hummus bil-‘wholemeal pitta bread’ jew bsaten veġetali
- Haxix u sopop tal-fażola
- Skutella żgħira ta’ ċereali tal-kolazzjon mhux ħelu, jew porridge, bil-ħalib
- Xorb tal-ħalib
- Frott frisk
- Fażola msajjra fuq toast jew patata moħmija żgħira
Is-sigurtà tal-ikel waqt it-tqala
Huwa vera mportanti li toqgħod attenta meta tkun qed tipprepara l-ikel waqt li tkun tqila, kif ukoll tevita ċertu ikel minħabba kimiċi li jista jkollu jew ir-riskju li jikkawża avvelenament tal-ikel. Aħsel il-frott, ħaxix u salads biex tneħħi traċċi ta’ ħamrija li jifdal, għax dan jista’ jikkawża toxoplasma (parassita li jista’ jikkawża toxoplasmosis) li tista’ tagħmel ħsara lit-tarbija.
Dejjem naddaf fejn tkun se taħdem, u aħsel l-utensili kollha u anke idejk wara li tipprepara ikel mhux misjur (tjur, laħam, bajd, ħut, ‘shellfish’ u ħxejjex mhux maħduma) biex tevita avvelenament tal-ikel. Kun ċerta li ikel mhux imsajjar jkun merfuh f’post separat minn ikel li jkun lest biex jittiekel, inkella jista’ jkun hemm riskju ta’ kontaminazzjoni. Uża sikkina u ‘chopping board’ differenti għall-laħam mhux imsajjar. Meta ssaħħan ikliet lesti qis li jkunu msaħħnin sew u li jkun hemm il-fwar ħiereġ minnhom – dan huwa speċjalment importanti għall-ikliet li jikkonsistu tjur. Kun ċerta li ikel bħall-bajd, tjur, bergers, zalzett u qatgħat sħaħ tal-laħam bħall-ħaruf, ċanga u majjal, ikunu msajra sew sakemm ikun hemm il-fwar ħiereġ minnu. M’għandux ikun hemm biċċiet bid-dmija jew bil-ħmura fil-laħam meta jkun imsajjar. Evita ‘sushi’ peress li jikkonsisti jew ikun f’kuntatt ma’ ħut mhux ipproċessat.
Hemm ċertu ġobniet li jridu jiġu evitati waqt it-tqala…
Prodotti tal-ħalib mhux ippasturiżżati hemm ċans li jkun fihom il-‘listeria’. Din il-batterja tista’ tikkawża nfezzjoni imsejħa listeriosis u din hemm ċans żgħir li tikkawża korriment, twelid ta’ trabi mejtin jew tagħmel it-tarbija tat-twelid tiegħek bla saħħa.
Prodotti tal-ħalib mhux ippasturiżżati li għandhom ikunu evitati huma Brie, Camembert, Chevre, Danish blue, Gorgonzola u Roquefort. Evita wkoll il-ġbejniet sakemm il-kumpanija li tagħmilhom ma jkollhiex reputazzjoni li l-ġbejniet kollha tagħha jkunu ppasturizzati u tikkonferma dan fuq it-tikketta.
Oqgħod attenta wkoll minn laħam ippreservat kiesaħ, bħas-salami, pepperoni, chorizo u prosciutto (sakemm ma jkunx imsajjar sew). Dejjem evita bajd mhux maħdum jew bajd li jkun imsajjar parzjalment, laħam mhux maħdum jew imsajjar, fwied u prodotti tal-fwied u t-tipi kollha ta’ pâté, inklużi pâté veġetarjana u laħam tal-kaċċa.Hemm ċans żgħir li jaqbdek ‘toxoplasmosis’ jekk tieħu ikel mhux maħdum jew ikel li ma jkunx imsajjar sew. Dan jista jikkawża korriment. Laħam ippriservat ma jkunx imsajjar, u b’hekk hemm ċans li jkollu l-parsiti ġo fih li jikkawża ‘toxoplasmosis’. Il-fwied u prodotti tal-fwied għandhom ħafna Vitamina A ġo fihom, u din tista’ tkun xi ħaġa perikoluża għat-tarbija meta tkun għada fil-ġuf.
Il-laħmijiet tal-kaċċa jista’ jkun fihom iċ-ċomb.
Ċertu ħut għandu jiġi evitat, filfatt jekk tkun tqila, mhux suppost tiekol aktar minn 2 porzjonijiet ta’ ħut taż-żejt fil-ġimgħa. Eżempji ta’ dan it-tip ta’ ħut jista’ jkun is-salamun, trota, kavalli jew aringi. Ħut żejtni jista’ jkun fih sustanzi li jniġġsu bħal diossini u bifenili poliklorinati fihom. Jekk tiekol wisq minn dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għat-tarbija.
M’għandekx tiekol aktar minn 2 dawriet tat-tonn (madwar 140g imsajjar jew 170g nej) jew 4 bottijiet ta’ daqs medju tat-tonn (madwar 140g meta jkun ‘drained’) fil-ġimgħa. It-tonn fih aktar merkurju minn ħut ieħor u dan jista’ jikkawża xi tip ta’ ħsara għal tarbija li tkun għadha fil-ġuf. Hemm xi ħut li jeħtieġ li jiġi evitat kompletament inkluż il-pixxispad, il-marlin, il-kelb il-baħar u ‘shellfish’ mhux ipproċessat. Is-‘shellfish’ mhux ipproċessat għandu jiġi evitat minħabba li jista’ jkollu l-batterja, vajrusis jew tossini ta’ ħsara fihom. Dawn jistgħu imarrduk u jikkawżawlek avvelenament ta’ l- ikel.
Il-Kaffeina u l-alcohol
Waqt it-tqala tista tieħu kaffeina, iżda mhux aktar minn 200mg fil-ġurnata. Tista tixrob ukoll ‘herbal tea’ imma mhux aktar minn 4 tazzi.
Dawn huma xi ammonti tal-kaffeina li jistaw jiggwidawk:
- 100mg ta’ kafè istantanju ġo mug
- 75mg te (‘green tea’ jista jkollu l-istess ammont ta kaffeina bħall te regolari) ġo mug.
- 40mg ġo bott tal-‘cola’
- 80mg ġo 250ml bott energy drink
- Inqas minn 25mg ġo 50g bar ta’ ċikkulata skura sempliċi
- inqas minn 10mg ġo 50g bar ta’ ċikkulata tal-ħalib sempliċi
Jekk tixrob l-alkoħol waqt li tkun tqila tista’ tikkawża ħsara fit-tul lit-tarbija tiegħek. L-aħjar għażla jekk tkun tqila jew tkun qed tippjana li tinqabad tqila hija li ma tixrobx alkoħol. Hekk ikollok riskji mill-inqas.
Informazzjoni addizzjonali
Waqt it-tqala m’għandekx tieħu dożi kbar ta’ supplimenti jew supplimenti bil-Vitamina A ġo fihom. Jekk tbagħti mill-‘morning sickness’, averżjonijiet tal-ikel jew rifluss aċiduż, ma tantx ikollok aptit tiekol. Ipprova żomm l-enerġija tiegħek u n-nutrienti tiegħek sew billi tipprova tiekol varjeta’ ta’ ikel fid-dieta tiegħek waqt it-tqala. Jekk taħseb li mhux tiekol biżżejjed kellem it-tabib tiegħek jew ‘dietitian’
Ariana Zarb hija ‘Dietitian’ irreġistrata, hija lestiet il-‘BSc. (Hons.) in Applied Food and Nutritional Sciences’ kif ukoll ‘Postgraduate Diploma in Dietetics’. Bħalissa hija qed issegwi ‘MSc in the Professional Practice of Dietetics’.
Għal aktar informazzjoni dwar Ariana kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn