Share the love

Ikkunsidra karozza li ma tiġix iċċekkjata regolarment. Ħa taħdem sewwa l-ewwel ftit tas-snin, imma ftit wara tibda tistenna l-problemi mingħajr l-ebda sinjal. Sa ċertu punt, il-VRT jgħin biex jipprevjeni dawn il-problemi. Ħafna minna veru nitħawdu meta l-karozza tiddeċiedi tieqaf taħdem. Bl-istess mod, tista’ timmaġina kemm inħossuna agħar meta nibdew nitilfu s-saħħa minn ġisimna?

Check-ups u testijiet jgħinuna nżommu b’saħħitna għal aktar żmien. Jindunaw ukoll b’xi mard li jkun għadu fl-istadji bikrija. Dan ifisser li jekk ikun hemm trattament neċessarju jibda qabel, u b’hekk jipprevjeni l-marda milli tilħaq stadju nkontrollabbli.

Ċerti kundizzjonijiet jistgħu jiġu misjuba b’eżaminazzjoni, filwaqt li oħrajn ikollhom bżonn xi tip ta’ investigazzjoni oħra. Check-ups regolari huma rakkomandati għal kulħadd, aktar u aktar jekk ikun hemm it-tendenza fil-familja għal ċerti kundizzjonijiet. Ejja nħarsu aktar fil-fond biex naraw liema tip ta’ check-ups għandek tagħmel regolarment.

Testijiet tad-demm

Jekk għandek aktar minn 35 sena, huwa ideali li jkollok it-testijiet tad-demm kull sena. Dawn it-testijiet jiċċekkjawlek:

  • Il-funzjoni tal-fwied
  • Il-funzjoni tal-kliewi
  • Il-livell taz-zokkor fid-demm (għad-dijabete)
  • Il-livell tal-kolesterol
  • Il-funzjoni tat-Thyroid
  • Għal xi nfjammazzjoni jew infezzjoni fil-ġisem
  • Għal xi ‘anemias’
  • Il-possibilta’ li tikber il-prostata f’irġiel li għandhom aktar minn 50 sena

Kif tipprepara għat-testijiet tad-demm:

  • Għall-livelli tal-kolesterol, oqgħod sajma għal 12-il siegħa
  • Għall-livelli taz-zokkor fid-demm, oqgħod sajma għal erbgħa sigħat
  • Ħu l-pilloli bħas-soltu mal-ilma. Jekk għandek id-dijabete, kul u ħu l-medikazzjoni normali
  • Ixrob ħafna ilma – jekk tixrob l-ilma, il-vini jaqbżu l-barra u hekk tkun aktar faċli għall-infermiera biex jeħdulek id-demm
  • Irrilassa! Kull ma se tħoss hija tingiża żgħira u tlesti malajr ħafna

Eżaminazzjoni fiżika

Żur il-GP tiegħek għal eżaminazzjoni fiżika darbtejn f’sena. Eżaminazzjoni fiżika għandha tinkludi:

  • Ħarsa lejn il-medikazzjoni li qed tieħu preżentament
  • Jiħu ċċekkjati l-pressjoni u z-zokkor fid-demm
  • Ir-rittmu u l-ħoss tal-qalb
  • Eżaminazzjoni tal-pulmun
  • Eżaminazzjoni addominali

Jekk tbagħti minn pressjoni għolja, għandek iżżur it-tabib kull xahar/xahrejn.

Importanti: Għal kontroll aħjar, iċċekkja l-pressjoni d-dar.

Ixtri makkinarju apposta li jaqralek il-pressjoni (għażel dik li ddur ma’ idejk mhux mal-polz) u tkun tista’ tagħmel dawn iċ-‘checks’ id-dar. Oqgħod bilqiegħda dritt, bil-minkeb dritt u l-polz iħares il-fuq. Saqajk żommhom mistrieħa quddiemek u tgħawwiġhomx. Hija idea tajba li tikteb ir-riżultati kollha bid-data u bil-ħin li tkun ħadthom fihom. Li żżomm amment tal-pressjoni d-dar hija medikament aktar sinifikanti milli tmur ġo klinika u jeżaminawk hemm, għaliex xi nies isibuha stressanti biex iżuru tabib.

Testijiet tal-kolon

Il-kanċer tal-kolon (tumur fl-intestin il-kbir) huwa wieħed mill aktar tipi ta’ kanċers komuni f’Malta. Fortunatament, għandu rata kbira ta’ rkupru meta dan jinstab kmieni, u filfatt ikun hemm ħafna li jkomplu bil-ħajja normali wara li jitlesta t-trattament.

Kull sentejn, persuni li għandhom bejn is-56 sa 70 sena jiġu invitati biex jieħdu sehem f’programm tal-iċċekkjar tal-kolon, li huwa ffinanzjat mill-gvern. Tiġi mibgħuta ‘kit’ bil-posta u din tkun trid tiġi kompluta fi tlett ijiem.

Din il-‘kit’ tinfetaħ qisha djarju żgħir. Fiha ssib tlett linji – wieħed għal kull jum. Hemm ‘flap’ f’kull linja li tinfetaħ u turi tlett iċrieki. Hawn taħt għandek il-metodu ta’ kif trid tagħmel dan it-test:

  1. Oħroġ l-‘ispatula’ tal-kartonċin iebes
  2. Tella’ kampju żgħir tal-ippurgar
  3. Imsaħ l-ippurgar fuq iċ-ċrieki li ssib fl-ewwel linja
  4. Għattiha billi tagħlaq il-flap
  5. Itfa’ l-kit f’borża tal-plastik, ħalliha fil-friġġ u irrepeti għal jumejn oħra
  6. Meta tlesti, ibgħat il-‘kit’ lura bil-posta

Ġeneralment, ir-riżultati jkunu lesti fi ftit ġimgħat. Il-laboratorju jħares lejn l-ippurgar għal traċċi tad-demm. Tista’ tiġi mitlub tagħmel eżami msejjaħ colonoscopy għal aktar investigazzjoni. Żomm f’moħħok li hemm aktar raġunijiet għala jista’ jkollok id-demm fl-ippurgar. Dawn jinkludu l-morliti, ‘anal fissures’ u ‘benign (non-cancerous) polyps’.

Bone Density Scan

Jekk għandna nwaqqgħu żewġ platti – wieħed taċ-ċeramika u l-ieħor tal-ġebel – mal-art, probabbli t-tnejn li huma jinkisru. Il-platt taċ-ċeramika probabbli jinqasam f’mitt biċċa, filwaqt li dak tal-ġebel jinqasam pulit min-nofs. Dawn jikkumparaw sew mal-għadam b’saħħtu u ma għadam ‘osteoporotic’ meta jiffrattura.

l-Ostjoporożi hija kundizzjoni fejn l-għadam jitlef il-kalċju. L-‘Osteopaenia’ hija forma eħfef ta’ din il-marda. Għadam ‘osteoporotic’ huwa xorta waħda iebes u solidu, imma għandu aktar ċans li jitfarrak.

Bone density scan’ tħares lejn il-fraġilta’ tal-għadam. Hija tikkumpara s-saħħa tal-għadam ma dawk ta’ mara ta’ 30 sena. Ħafna nisa li jkunu qed jesperjenzaw il-menopawża, jiżviluppaw l-‘osteopaenia’ jew ‘osteoporosis’, u b’hekk huwa ideali li jsirulek ‘scans’ regolari meta tieqaf il-menstrwazzjoni. Jekk l-‘iscan’ jirriżulta tajjeb, tista’ tirrepetiha wara sentejn, imma jekk jiġu magħrufa xi sinjali tal-ostjoporożi, huwa rakkomandat li it-test isir kull sena.

Nisa u irġiel li għandhom storja ta’ ‘osteopaenia’ fil-familja, jpejjpu jew jixorbu ħafna għandhom jagħmlu ‘bone density scans’ regolarment.

Testijiet oħra

Għall aktar dettalji fuq ‘check-ups’ għal kundizzjonijiet speċifiċi għan-nisa u l-irġiel, jekk jogħġbok agħfas hawn.

Aktar Informazzjoni

Jekk tixtieq tagħmel it-testijiet tad-demm f’ċentru tas-saħħa, tista’ tmur għand il-GP privat u wara konsultazzjoni, il-GP jordnalek it-testijiet tad-demm li jkollok bżonn. Imbagħad ikkuntattja ċ-ċentru tas-saħħa li huwa l-aktar qribek biex tibbukkja appuntament għat-testijiet tad-demm. Wara li d-demm jittieħed, inti tista’ tikkonsulta l-GP tiegħek wara ġimgħa biex tara r-riżultati.

Tista’ wkoll tmur dirett iċ-ċentru tas-saħħa li huwa viċin tiegħek, tikkonsulta ma GP hemmhekk u mbagħad tagħmel l-istess proċedura msemmija hawn fuq, u wara ġimgħa tista’ tmur għar-riżultat fl-istess ċentru tas-saħħa.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *